Mur għall-kontenut ewlieni
Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Kif l-influwenzaturi tal-media soċjali jistgħu jgħinuk tagħti spinta lill-IĊE tiegħek

Għaliex il-ħidma mal-ħallieqa ta’ kontenut qed issir essenzjali għall-IĊE

Waħda mill-akbar sfidi għal kwalunkwe inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) hija li tilħaq lil persuni lil hinn min-network eżistenti tiegħek. Anke kampanji b’saħħithom jistgħu jsibuha diffiċli biex jispikkaw fi spazji online ffullati, speċjalment f’pajjiżi, f’lingwi u f’komunitajiet online differenti. 

L-IĊE li kellhom suċċess dan l-aħħar urew li l-ħallieqa ta’ kontenut (l-influwenzaturi tal-media soċjali) jistgħu jkunu wieħed mill-aktar xprunaturi effettivi tal-viżibbiltà, tal-involviment u tal-ġbir tal-firem online. Ħallieq fdat jista’ jintroduċi l-inizjattiva tiegħek lil udjenzi kompletament ġodda, jgħin biex jispjega suġġetti kumplessi b’mod aċċessibbli u jħeġġeġ lin-nies jinteraġixxu mal-kampanja tiegħek u jikkondividuha. Post wieħed, storja waħda, repost wieħed jew referenza waħda minn ħallieq tista’ żżid b’mod sinifikanti l-viżibbiltà u jkollha impatt qawwi fuq is-suċċess tal-kampanja.

Dan huwa partikolarment importanti online, peress li l-pjattaformi għandhom it-tendenza li jirrestrinġu l-viżibbiltà tal-kontenut u tal-kontijiet meqjusa “politiċi”. Barra minn hekk, il-kontenut iġġenerat mill-influwenzaturi spiss iwassal għal riżultati tajbin peress li l-persuni x’aktarx jinteraġixxu aktar ma’ kontenut kondiviż minn individwi li diġà jsegwu u li huma jqisu bħala affidabbli. Fil-prattika, dan ifisser li kollaborazzjonijiet ippjanati sew mal-influwenzaturi tal-media soċjali jistgħu joħolqu effett domino li jmur ferm lil hinn mill-kanali tal-kampanja tiegħek stess. 

Għalhekk, li toħloq strateġija għall-ħallieqa ta’ kontenut hija parti importanti biex tibni appoġġ għall-kampanja tiegħek. U għalkemm is-suċċess huwa dejjem influwenzat mit-twaqqit u mill-kapaċità li jinħoloq momentum, il-viżibbiltà u l-azzjoni jistgħu jiġu biss minn persuni li jinteressaw ruħhom fl-IĊE tiegħek u li jinteraġixxu magħha.

Iddefinixxi l-għanijiet għat-twettiq ta’ kampanji li jinvolvu lill-influwenzaturi

Li toħloq pjan għall-kollaborazzjoni mal-influwenzaturi tal-media soċjali jinvolvi l-istabbiliment ta’ għanijiet u aspettattivi u li jkollok mod ċar biex tevalwa l-progress tiegħek u ssegwi l-ilħuq tal-kampanja tiegħek. Hawn taħt hawn ftit mistoqsijiet li għandek tistaqsi lilek innifsek qabel ma tikkuntattja lill-ħallieqa ta’ kontenut.

Xi rrid nikseb billi ninvolvi lill-influwenzaturi fil-kampanja tiegħi?

Nikseb aktar firem; nagħmel il-kampanja aktar magħrufa; inżid is-segwaċi tal-media soċjali tal-kampanja; intejjeb l-ilħuq u l-interazzjoni fuq il-posts, eċċ.

X’nixtieq li jagħmlu għalija l-influwenzaturi?

Li jħajru lill-udjenzi tagħhom jinteraġixxu mal-kawża u jiffirmaw l-inizjattiva; li jħeġġu lill-udjenzi tagħhom isegwu/jinteraġixxu mal-kont tiegħek; li jedukaw lill-udjenzi tagħhom dwar il-mekkaniżmu tal-IĊE biex ma jsibuhiex daqshekk bi tqila li jiffirmaw, eċċ.

Minn liema kampanji nieħu ispirazzjoni?

Kampanji li laħqu udjenzi ta’ età aktar żgħira b’suċċess; inizjattivi li bnew komunitajiet online b’saħħithom; ħallieqa li jispjegaw b’mod ċar suġġetti kumplessi; kampanji b’vidjos qosra li jiġbdu l-interess; ħallieqa li t-ton, il-valuri, jew l-udjenza tagħhom jallinjaw mal-IĊE tiegħek, eċċ.

 

It-tweġibiet jistgħu jvarjaw skont l-istadju tal-kampanja tiegħek, iżda li jkollok għanijiet ċari jistabbilixxi l-aspettattivi t-tajbin u jistimula l-kreattività fejn jidħlu l-kollaborazzjonijiet tiegħek.

Identifika l-influwenzaturi rilevanti fil-pajjiżi fil-mira tiegħek

Il-ħallieqa ta’ kontenut jistgħu jadattaw għall-messaġġi lokali, reġjonali jew nazzjonali

Il-kampanji tal-IĊE jeħtieġ li jilħqu persuni f’pajjiżi, f’kulturi u f’komunitajiet online differenti. Filwaqt li l-kampanja tiegħek jista’ jkollha messaġġ ċentrali ċar, udjenzi differenti jistgħu jwieġbu għal stili differenti ta’ komunikazzjoni, eżempji, jew prijoritajiet. Dan huwa fejn il-ħallieqa ta’ kontenut għandhom rwol importanti. Il-ħallieqa jifhmu l-lingwa, it-ton, ir-referenzi, l-umoriżmu, il-perspettiva, u l-kultura online li jolqtu lill-udjenza tagħhom.

Li tagħti lill-ħallieqa l-flessibbiltà kreattiva biex jispjegaw l-IĊE tiegħek bil-mod tagħhom jista’ jagħmel il-kontenut jidher aktar awtentiku u interessanti.

Udjenza, valuri u kategorija tal-kontenut 

Biex tidentifika l-influwenzaturi dwar is-suġġett tiegħek, se jkollok bżonn tirrestrinġi l-għażla billi tqis fatturi oħrajn apparti l-lingwa u l-pajjiż. Irrifletti fuq il-mistoqsijiet li ġejjin:

X’tip ta' udjenza għandhom?

  • Żgħira, medja, kbira – dan x’aktarx jinfluwenza l-ħlas tagħhom jew jekk hemmx iċ-ċans li jikkollaboraw fuq bażi volontarja.
  • Għal liema gruppi ta’ età, interessi, jew komunitajiet tappartjeni l-udjenza tagħhom?
  • L-udjenza tagħhom tikkoinċidi mal-persuni li tixtieq li tilħaq l-IĊE tiegħek?

X’inhuma l-valuri tagħhom?

Fejn huma attivi fuq suġġetti li huma marbuta mal-kampanja tiegħek?

X’tip ta’ kontenut joħolqu?

Hemm komunitajiet relatati li jistgħu wkoll isibu rabta mal-inizjattiva tiegħek?

Il-ħallieqa ta’ kontenut tal-ħajja ta’ kuljum, pereżempju tal-mużika, tat-tisjir, tal-isport, tal-logħob, jew tal-kultura, jistgħu jgħinu biex jintroduċu l-IĊE tiegħek lil udjenzi lil hinn mill-ispazji politiċi jew tal-attivisti?

Agħżel approċċ realistiku biex tilħaq lill-influwenzaturi

Żomm f’moħħok li l-influwenzaturi jista’ jkollhom kontijiet fuq ħafna pjattaformi, iżda huma viżibbli l-aktar fuq waħda jew tnejn minnhom. Dan huwa importanti meta tiddeċiedi x’tip ta’ kontenut tistenna minnhom, u kif tiddeċiedi li tikkuntattjahom. Barra minn hekk, il-kontenut relatat mas-suġġett tal-IĊE tiegħek jista’ jkun aktar komuni fuq xi pjattaformi aktar milli fuq oħrajn, iżda l-kampanja tiegħek għandha tiddiversifika l-preżenza tagħha fuq l-akbar numru ta’ pjattaformi possibbli. Xi pjattaformi huma speċifiċi għall-pajjiż, għalhekk li tfittex fejn isiru diskussjonijiet dwar is-suġġett tal-IĊE tiegħek online jista’ jagħtik aċċess għall-komunitajiet it-tajbin.

L-ilħuq tal-ħallieqa jeħtieġ persistenza

Li tilħaq lill-ħallieqa ta’ kontenut spiss jiddependi minn kemm tikkuntattja minnhom, speċjalment fil-bidu tal-kampanja tiegħek. Ħafna ħallieqa jistgħu ma jweġbux, jista’ jaħarbilhom il-messaġġ tiegħek, jew jista’ sempliċement ma jkollhomx il-ħin biex jinteraġixxu. Dan huwa normali u ma għandux jaqtagħlek qalbek.

Għal din ir-raġuni, jista’ jkun effettiv li tikkuntattja firxa wiesgħa ta’ ħallieqa aktar milli tiffoka biss fuq għadd żgħir ta’ kontijiet kbar u popolari. Il-mikroinfluwenzaturi spiss jista’ jkollhom udjenzi involuti ħafna u jistgħu jkunu aktar lesti li jikkollaboraw mal-kampanji.

Biex il-proċess ta’ lħuq ikun aktar faċli biex jiġi ġestit, jista’ jkun utli li tħejji mudell sempliċi ta’ lħuq li jista’ jiġi personalizzat malajr għal ħallieqa differenti. Il-messaġġ tiegħek normalment għandu jkun fil-qosor u jindika b’mod ċar min int, dwar xiex inhi l-kampanja tiegħek, għaliex qed tikkuntattja lilhom speċifikament, u x’tip ta’ kollaborazzjoni qed tfittex.

L-ilħuq b’suċċess ta’ influwenzaturi spiss jiddependi mill-persistenza u mill-volum, aktar milli minn ftit kontijiet kbar biss.

Kollaborazzjoni bi ħlas u mingħajr ħlas 

Diversi kampanji ta’ suċċess tal-IĊE rċevew appoġġ volontarju jew mingħajr ħlas mingħand ħallieqa ta’ kontenut li ġenwinament iħossu li għandhom rabta mal-kawża. Għal ħafna organizzaturi, speċjalment dawk li qed jaħdmu b’baġits limitati, din tista’ tkun il-forma ewlenija ta’ kollaborazzjoni mal-influwenzaturi disponibbli.

Fl-istess ħin, jekk il-kampanja tiegħek għandha baġit għall-komunikazzjoni, li talloka parti minnu għal kollaborazzjonijiet mal-ħallieqa jista’ jgħinek tespandi l-ilħuq tiegħek u tippermetti forom aktar ambizzjużi ta’ kontenut. Pereżempju, il-kollaborazzjonijiet bi ħlas jistgħu jagħmluha aktar faċli li titlob vidjos apposta, vidjos ta’ spjegazzjoni, parteċipazzjoni permezz ta’ xandiriet diretti, jew appoġġ aktar fit-tul matul il-kampanja. Anke kollaborazzjonijiet żgħar jistgħu jkunu siewja.

Għandek tħeġġeġ ukoll lill-ħallieqa jappoġġaw il-kampanja tiegħek matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha. Pereżempju, il-ħallieqa jistgħu jkunu lesti jżidu l-link għall-firma tal-IĊE tiegħek mal-bijografija jew mad-deskrizzjoni tal-profil tagħhom għal perjodu itwal, u dan jgħin biex tinżamm il-viżibbiltà matul il-kampanja.

Modi kif tinvolvi l-influwenzaturi fil-kampanja tiegħek

L-IĊE preċedenti wrew li l-karatteristiċi ta’ kollaborazzjoni fuq pjattaformi differenti jistgħu jkunu effettivi ħafna. Fuq Instagram, il-karatteristika “Collab” tippermetti li post jew Reel wieħed jidher simultanjament kemm fuq il-kont tal-kampanja kif ukoll fuq il-kont tal-ħallieq, u dan jikkombina l-viżibbiltà, l-involviment u l-udjenzi b’mod ħafna aktar effettiv minn tag normali. Dan jista’ jżid b’mod sinifikanti l-ilħuq u l-interazzjoni, peress li s-segwaċi miż-żewġ kontijiet jaraw l-istess kontenut u jinteraġixxu miegħu flimkien. Jeżistu wkoll karatteristiċi simili ta’ posting kollaborattiv fuq TikTok u YouTube, inklużi xandiriet diretti kollaborattivi, vidjos kondiviżi, duets, stitches, u formati tal-kontenut konġunti. Dawn l-għodod jistgħu jkunu fost l-aktar modi effettivi biex l-IĊE jilħqu udjenzi ġodda b’mod organiku u jagħmlu l-kollaborazzjonijiet jinħassu integrati fl-istil tal-kontenut tas-soltu tal-ħallieq. Pereżempju, ara dawn l-eżempji minn YouTube u minn Instagram.

Fl-istadji bikrija ta’ kampanja, l-involviment dejjem akbar permezz ta’ kollaborazzjonijiet ripetuti u interazzjoni mal-komunità normalment ikun aktar realistiku milli wieħed jistenna mument virali wieħed. Il-kontenut maħluq mill-influwenzaturi u mis-sostenituri jista’ jgħin ukoll biex jespandi l-kampanja tiegħek b’mod organiku. Il-posts li jinkoraġġixxu d-diskussjoni, ir-reazzjonijiet emozzjonali, l-umoriżmu, il-kreattività, jew il-parteċipazzjoni pubblika spiss għandhom probabbiltà akbar li jiġu kondiviżi u adattati mill-utenti fi pjattaformi differenti. Dan jista’ jinkludi memes, vidjos ta’ reazzjoni, awdjo popolari, stitches jew duets ta’ TikTok, remixes ta’ Reels ta’ Instagram, remixes ta’ Shorts ta’ YouTube, jew utenti li joħolqu l-kontenut tagħhom stess rigward is-suġġett tal-kampanja tiegħek.

Il-karatteristiċi tal-pjattaforma bħal reposts fuq Instagram jew stitches u duets fuq TikTok jistgħu jgħinu biex il-kampanji jkomplu jamplifikaw dawn l-interazzjonijiet u jħeġġu parteċipazzjoni usa’ b’rabta mal-inizjattiva. L-enfasi u l-kondiviżjoni mill-ġdid ta’ kontenut maħluq mill-utenti jistgħu jgħinu wkoll biex jinbena sens ta’ komunità online u momentum aktar b’saħħtu b’rabta mal-IĊE tiegħek.

Modi oħrajn kif l-influwenzaturi jistgħu jinvolvu ruħhom fil-kampanja tiegħek jinkludu:

1. Vidjos ta’ spjegazzjoni tal-ħallieqa

Hemm ħafna ħallieqa online li għandhom għarfien espert f’diversi oqsma. Dawn jistgħu jispjegaw is-suġġett tal-IĊE tiegħek, għaliex hija importanti, u kif in-nies jistgħu jappoġġawha bit-ton u bl-istil tagħhom stess. Dan huwa utli b’mod speċjali biex suġġetti kumplessi jew legali jsiru aktar faċli biex jinftiehmu u aktar interessanti online. Pereżempju, il-ħallieq Olive Badger ħoloq vidjo fuq YouTube dwar kunċetti tekniċi żbaljati rigward l-IĊE “Stop Destroying Videogames” mill-perspettiva ta’ żviluppatur tas-software u r-Rapporteur tan-NU Francesca Albanese spjegat fuq Instagram il-perspettiva tagħha dwar l-IĊE “Justice for Palestine” bħala esperta tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem.

2. Vidjos dwar “Għaliex iffirmajt”

Il-ħallieqa jaqsmu raġunijiet personali għaliex jappoġġaw il-kampanja u jħeġġu lill-udjenzi tagħhom jiffirmaw ukoll. Dawn il-vidjos spiss jinħassu aktar awtentiċi u li tista’ tirrelata magħhom mill-messaġġi istituzzjonali tal-kampanja. Pereżempju, il-membru u Viċi President tal-Parlament Ewropew, Nicolae Ștefănuță ħeġġeġ liċ-ċittadini biex jiffirmaw l-IĊE “Il-Vuċi Tiegħi, l-Għażla Tiegħi” fuq Instagram billi ta r-raġunijiet tiegħu l-għaliex jappoġġa l-kampanja.

3. Kollaborazzjonijiet ripetuti

Minflok ma jibbażaw fuq post virali wieħed, il-kampanji jistgħu jibbenefikaw jekk il-ħallieqa jsemmu l-inizjattiva diversi drabi matul il-kampanja. Il-viżibbiltà ripetuta tgħin biex jinbnew il-familjarità, il-fiduċja u l-momentum maż-żmien. L-artista Severina ppromwoviet il-kampanja tal-IĊE “Il-Vuċi Tiegħi, l-Għażla Tiegħi” diversi drabi fuq Instagram, kif wieħed jista’ jara hawnhekk billi użat il-ġest tal-qalb assoċjat mal-inizjattiva kif ukoll hawnhekk, fejn qiegħda twassal il-firem mill-Kroazja lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE.

4. Xandiriet diretti, vidjos f’forma twila, u Mistoqsijiet u Tweġibiet

Il-ħallieqa jistgħu jospitaw xandiriet diretti jew diskussjonijiet mal-organizzaturi biex iwieġbu mistoqsijiet, jispjegaw il-proċess tal-IĊE, jew jiddiskutu l-kwistjoni f’aktar dettall. Dawn il-formati jħeġġu l-interazzjoni diretta u l-involviment tal-komunità. Pereżempju, “Stop Destroying Videogames” ippubblikat vidjo b’Mistoqsijiet Frekwenti fuq YouTube dwar il-kampanja.

5. Kontenut iġġenerat mill-utent u parteċipazzjoni

Il-kampanji jistgħu jħeġġu lis-sostenituri joħolqu l-memes, il-vidjos, ir-reazzjonijiet, ir-ritratti, jew l-istejjer tagħhom stess relatati mal-inizjattiva. Dan jgħin biex il-kampanji jinfirxu b’mod organiku permezz tal-komunitajiet online. Pereżempju, “Stop Destroying Videogames” għandha paġna fuq Wikipedia li saru kontributi fiha minn sostenituri ta’ dik l-IĊE. Il-kampanji jistgħu wkoll jippostjaw mill-ġdid il-kontenut relatat magħhom magħmul minn utenti oħrajn, kif għamlet l-IĊE “HouseEurope” fuq Instagram.

6. Bini ta’ networks tal-ħallieqa u ta’ momentum

 Meta diversi ħallieqa jappoġġaw kampanja pubblikament, dan jista’ jħeġġeġ lil oħrajn jingħaqdu wkoll. L-ippostjar mill-ġdid ta’ kontenut ta’ ħallieq, ir-ringrazzjament pubbliku lis-sostenituri u l-ħolqien ta’ sens viżibbli ta’ moviment jistgħu jgħinu biex jinbena momentum online usa’ rigward l-IĊE. Pereżempju, l-IĊE “Projbizzjoni ta’ Prattiki ta’ Konverżjoni” ippubblikat Storja fuq Instagram biex tirringrazzja lis-sostenituri bħall-Membru tal-PE Chloé Ridel talli ppromwovew l-IĊE, filwaqt li inkludiet links għall-kontijiet ta’ Instagram tagħhom.

7. Użu ta’ avvenimenti eżistenti u dati importanti

Il-ħallieqa u l-personaġġi pubbliċi spiss ikunu l-aktar attivi f’avvenimenti ewlenin u f’jiem ta’ sensibilizzazzjoni internazzjonali. Li tallinja l-kampanja tiegħek ma’ dawn il-mumenti jista’ jagħmilha aktar faċli biex tikseb appoġġ pubbliku u tilħaq udjenzi usa’. Pereżempju, fid-9 ta’ Mejju, l-IĊE “Justice for Palestine” ippubblikat post fuq Instagram għal Jum l-Ewropa. Barra minn hekk, l-organizzaturi tal-IĊE “Projbizzjoni ta’ Prattiki ta’ Konverżjoni” żguraw li l-istadju finali tal-kampanja tagħhom jikkoinċidi mal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija (is-17 ta’ Mejju), meta ħafna personaġġi pubbliċi (bħal Emmanuel Macron fuq il-kont ta’ X tiegħu) ikkondividew kontenut dwar id-drittijiet LGBTQI+, li għen biex iżid il-viżibbiltà u l-momentum tal-kampanja. Tista’ taqra aktar dwar l-esperjenza tal-attivisti favur l-IĊE “Projbizzjoni ta’ Prattiki ta’ Konverżjoni” f’dan l-artiklu tal-blogg tal-Forum tal-IĊE.

8. Sett ta’ għodod għall-ħallieqa

 Li l-ħallieqa jiġu pprovduti b’materjali lesti għall-użu bħal viżwali, fatti, links, mistoqsijiet frekwenti, jew messaġġi ssuġġeriti jista’ jagħmel il-parteċipazzjoni aktar faċli filwaqt li jippermetti lill-ħallieqa jadattaw il-kontenut għall-istil tagħhom stess. “Stop Destroying Videogames” ħolqot subreddit, li jinkludi links għal riżorsi importanti mill-kampanja, bħall-paġna tal-IĊE fuq is-sit web tal-Unjoni Ewropea.

9. Ħolqien ta’ spazju għall-ferħ u għall-komunità 

Il-kampanji tal-IĊE spiss jiffukaw fuq kwistjonijiet serji, iżda l-udjenzi jistgħu jispiċċaw iħossuhom mgħobbija bi fluss kostanti ta’ aħbarijiet negattivi. Li toħloq opportunitajiet għall-ferħ u għall-konnessjoni permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ artisti, mużiċisti u organizzazzjonijiet kulturali jista’ jgħin lill-kampanja tiegħek tilħaq udjenzi ġodda u tibni sens aktar b’saħħtu ta’ komunità. Wirjiet, kunċerti u avvenimenti oħrajn iħeġġu wkoll lill-parteċipanti joħolqu kontenut u jikkondividu l-esperjenza tagħhom man-nies fiċ-ċrieki soċjali tagħhom, filwaqt li jestendu l-ilħuq tal-kampanja tiegħek kemm offline kif ukoll online. Pereżempju, l-IĊE “Justice for Palestine” ħolqot post fuq Instagram dwar avveniment li organizzat ma’ artisti li tellgħu kunċert mingħajr ħlas. Barra minn hekk, l-IĊE “HouseEurope” ippubblikat vidjo fuq LinkedIn fejn l-artist Nikita Merkushin jippreżenta xogħol artistiku dwar it-trasformazzjoni ta’ binjiet abbandunati.

10. Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u ma’ komunitajiet (mhux biss ma’ individwi)

Is-sħubijiet tal-media soċjali ma għandhomx ikunu limitati għal personaġġi pubbliċi u influwenzaturi. Ir-rivisti, il-mużewijiet, l-organizzazzjonijiet kulturali u l-komunitajiet online jistgħu jgħinu wkoll biex jamplifikaw il-kampanja tiegħek. Dawn is-sħab spiss jipprovdu opportunitajiet lil hinn mill-promozzjoni diġitali, bħal workshops, kompetizzjonijiet, wirjiet, jew spazji għall-avvenimenti, li jippermettu lis-sostenituri jinteraġixxu mal-kampanja b’modi aktar sinifikattivi. Pereżempju, l-IĊE “HouseEurope” issieħbet ma’ organizzazzjonijiet tal-arkitettura biex toffri workshops u kompetizzjonijiet tad-disinn għal professjonisti żgħażagħ, u b’hekk l-involviment online inbidel f’parteċipazzjoni fid-dinja reali matul il-promozzjoni tal-kampanja. “HouseEurope” ippubblikat ukoll post fuq Instagram li juri installazzjoni tal-arti għall-IĊE, li ġiet ippreżentata waqt wirja. F’post fuq Instagram ieħor, ippromwoviet kompetizzjoni għall-użu mill-ġdid ta’ binjiet antiki.

Il-ġestjoni tal-momentum u l-evalwazzjoni tal-progress tiegħek

Metriċi ewlenin

Meta taħdem ma’ ħallieqa ta’ kontenut, huwa importanti li timmonitorja liema kollaborazzjonijiet, pjattaformi u tipi ta’ kontenut qed jgħinu lill-kampanja tiegħek tikber maż-żmien.

It-traċċar tal-istrateġija tal-influwenzaturi tiegħek jista’ jgħinek tifhem aħjar:

  • liema ħallieqa jiġġeneraw l-aktar involviment
  • liema posts iwasslu għal aktar viżibbiltà jew firem
  • liema pajjiżi jew udjenzi jirrispondu bl-aktar mod attiv
  • liema formati jkollhom l-aħjar riżultati fuq pjattaformi differenti

Is-suċċess ma jitkejjilx biss permezz tal-għadd ta’ segwaċi jew ta’ viżwalizzazzjonijiet. Kummenti, shares, reposts, issejvjar, klikks ta’ links, messaġġi diretti, u kontenut iġġenerat mill-utent kollha jistgħu jkunu sinjali li juru li n-nies qed jinvolvu ruħhom b’mod attiv fil-kampanja tiegħek.

Jista’ jkun utli wkoll li tqabbel iż-żieda fil-firem bejn il-pajjiżi mal-isforzi tiegħek biex tinvolvi lill-ħallieqa f’dawk il-pajjiżi. Pereżempju, jekk kampanja f’daqqa waħda żżid il-viżibbiltà f’lingwa jew f’reġjun partikolari wara kollaborazzjonijiet ma’ ħallieqa, dan jista’ jgħinek tidentifika strateġiji li ta’ min jirrepetihom xi mkien ieħor.

Il-monitoraġġ regolari tar-riżultati jista’ jgħin lill-kampanja tiegħek tadatta aktar malajr u tiffoka l-enerġija fejn qed ikollha l-akbar impatt.

Il-ġestjoni tal-isfidi 

Hekk kif il-kampanja timxi ’l quddiem, tista’ tiltaqa’ ma’ diversi ostakli li jirrikjedu soluzzjoni innovattiva tal-problemi, kif ukoll tim lest biex jirreaġixxi malajr. Kif enfasizzat Nika Kovač mill-IĊE “Il-Vuċi Tiegħi, l-Għażla Tiegħi” fl-intervista tagħha mal-Forum tal-IĊE: l-influwenzaturi jiftħu l-bibien; il-voluntiera u t-timijiet nazzjonali jgħaddu minnhom u jiġbru l-firem.

Mumenti fejn tiżdied l-attenzjoni, kemm jekk pożittiva kif ukoll jekk negattiva, jistgħu jitfaċċaw malajr. Post jista’ f’daqqa waħda jsir popolari, ħallieq jista’ jappoġġa b’mod mhux mistenni l-inizjattiva tiegħek, jew id-dibattitu pubbliku u l-kritika jistgħu jwasslu għal viżibbiltà ġdida għas-suġġett tiegħek. F’dawn il-mumenti, huwa importanti li tirreaġixxi malajr, tibqa’ tinteraġixxi mal-udjenzi, u tagħmilha faċli kemm jista’ jkun biex in-nies jitgħallmu dwar l-IĊE tiegħek u jiffirmawha. Li tinteraġixxi b’mod kostruttiv ma’ persuni li għandhom riżervi dwar l-idea tiegħek huwa wkoll parti mill-iskop tal-IĊE: dan joħloq spazju għal dibattitu pubbliku fl-Ewropa. Dawn l-iskambji jistgħu jgħinuk issib sostenituri ġodda jew tal-inqas jgħinuk tiċċara l-messaġġ tiegħek u ttejjeb il-kampanja tiegħek. Il-kampanji li jirrispondu b’mod kreattiv u strateġiku spiss ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jibdlu l-attenzjoni online f’momentum u f’parteċipazzjoni fit-tul.

Għal aktar informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kriżijiet, ara dan l-artiklu tal-blogg tal-Forum tal-IĊE u din in-Nota ta’ Gwida dwar l-Istruttura tat-Tim.

Trasparenza u regoli dwar ir-reklamar politiku

Ir-regoli dwar ir-reklamar politiku mħallas fuq pjattaformi online ewlenin qed isiru dejjem aktar stretti, b’mod partikolari fil-qafas regolatorju tal-UE dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku. B’riżultat ta’ dan, xi pjattaformi jistgħu jirrestrinġu, jittikkettaw, jew jirrikjedu miżuri ta’ trasparenza addizzjonali għal kontenut politiku mħallas u posts promossi.

Għall-organizzaturi tal-IĊE, dan ifisser li huwa importanti li jifhmu kemm ir-regoli speċifiċi għall-pjattaforma kif ukoll ir-regolamenti nazzjonali rilevanti meta jaħdmu fuq il-kollaborazzjonijiet bi ħlas mal-ħallieqa jew il-kontenut promoss. Is-sħubijiet sponsorjati jridu jiġu żvelati b’mod ċar, u kemm il-kampanja kif ukoll il-ħallieq jistgħu jikkondividu r-responsabbiltà biex jiżguraw li l-kontenut jiġi ttikkettat b’mod korrett. 

Iż-żamma ta’ rekords ċari ta’ kollaborazzjonijiet imħallsin, posts sponsorjati, u ftehimiet mal-ħallieqa ta’ kontenut se tgħin biex il-kampanji jibqgħu trasparenti u jiġu evitati kumplikazzjonijiet aktar tard.

Punti ewlenin

Ma hemm l-ebda formula unika għas-suċċess ta’ kampanji li jinvolvu l-ħallieqa. Xi kampanji jikbru permezz ta’ ftit ħallieqa involuti ħafna, filwaqt li oħrajn jirnexxu permezz ta’ networks wiesgħa ta’ sostenituri u komunitajiet online iżgħar. L-aktar strateġiji effettivi spiss huma dawk li jibqgħu flessibbli, awtentiċi, u jirrispondu għal kif in-nies jinteraġixxu b’mod naturali online.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kampanja li tinvolvi l-influwenzaturi ma tirrigwardax biss il-viżibbiltà. Tirrigwarda l-bini ta’ fiduċja, parteċipazzjoni, u komunitajiet ta’ appoġġ marbuta mal-IĊE tiegħek. Bil-kreattività, bil-persistenza, u bis-sħubijiet it-tajbin, il-ħallieqa ta’ kontenut jistgħu jsiru wieħed mill-aktar amplifikaturi b’saħħithom tal-kampanja tiegħek u jgħinu biex l-attenzjoni online tinbidel f’firem u f’momentum reali.  

Lista ta’ kontroll

Iddefinixxi l-għanijiet u r-rwoli għat-tim tiegħek dwar il-kampanja li tinvolvi l-influwenzaturi.

Iċċekkja l-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali dwar il-kontenut tal-media soċjali bi ħlas mal-influwenzaturi.

Identifika l-influwenzaturi rilevanti f’suġġetti wiesgħa u intersezzjonali relatati mal-IĊE tiegħek fl-UE.

Ippjana l-ilħuq u l-format tal-kollaborazzjoni u stabbilixxi aspettattivi realistiċi.

Immonitorja l-isforzi biex tilħaq lill-influwenzaturi u segwi r-riżultati tagħhom. 

Identifika kollaborazzjonijiet ta’ suċċess u fejn possibbli espandihom.

Adatta l-istrateġija tiegħek abbażi ta’ dak li qed jiġġenera l-involviment, il-viżibbiltà u l-firem!