Operazzjoni ta’ pproċessar: Il-promozzjoni u l-iffaċilitar tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) permezz ta’ Pjattaforma Kollaborattiva Online (il-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej)
Kontrollur tad-Data: Il-Kummissjoni Ewropea
Kontrollur tad-Data Operazzjonali: L-Unità SG.A.1 “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”
Referenza tar-rekord: DPR-EC-00828
1. Introduzzjoni
Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega għalfejn nipproċessaw id-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru u nittrattaw id-data personali kollha li tingħata, u kif niżguraw il-protezzjoni tagħha, kif tintuża dik l-informazzjoni, u x’inhuma d-drittijiet tiegħek b’rabta mad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hija impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).
Din l-istqarrija ta’ privatezza tikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ pproċessar tal-Pjattaforma Kollaborattiva Online (“Pjattaforma”) tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) imwettqa mill-Unità SG.A.1. “Prijoritajiet tal-Politiki u Programm ta’ Ħidma”.
L-operazzjoni tal-Pjattaforma hi esternalizzata mill-Kummissjoni lil kuntrattur estern (“Operatur tal-Pjattaforma”). Il-kuntrattur hu s-SERVIZZ TA’ AZZJONI TAĊ-ĊITTADINI EWROPEJ, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ irreġistrata skont il-liġijiet tal-Belġju, li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha f’BeCentral 12 Cantersteen, 1000 Brussels, Belgium. F’isem il-Kummissjoni, l-Operatur tal-Pjattaforma jaġixxi bħala proċessur tad-data fir-rigward tad-data personali tal-Utenti Reġistrati.
2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
Il-fini tal-operazzjoni ta’ pproċessar:
Il-Pjattaforma toffri appoġġ għall-preparazzjoni ta’ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej u tistimula d-dibattitu madwarhom kif ukoll madwar l-istrument bħala tali u l-implimentazzjoni tiegħu [1].
Il-Pjattaforma sservi l-organizzaturi tal-IĊE kurrenti u potenzjali, l-esperti, il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħrajn u b’mod ġenerali għaċ-ċittadini interessati kollha fl-IĊE.
Hi intenzjonata biex tgħin organizzaturi (potenzjali) interessati li jibdew IĊE biex isibu sħab fl-Ewropa biex jifformaw il-kumitat tal-grupp ta’ organizzaturi meħtieġ, jifformulaw il-kontenut tal-inizjattiva tagħhom flimkien ma’ parteċipanti b’aktar esperjenza, jippreparaw il-kampanji, jitgħallmu kif jiġbru l-fondi u jmexxu kampanja u jiskambjaw esperjenzi u l-aħjar prattiki ma’ organizzaturi oħrajn. Il-Pjattaforma tippermetti wkoll liċ-ċittadini kollha interessati jipparteċipaw, u jsegwu d-diskussjonijiet li jikkonċernaw kemm l-inizjattivi fl-istadji differenti tagħhom kif ukoll dawk relatati mal-aspetti orizzontali tal-funzjonament tal-istrument tal-IĊE.
Il-kompiti ewlenin tal-Pjattaforma huma:
- Forum ta’ Aħbarijiet u ta’ Diskussjoni li jippermetti d-diskussjoni u l-pubblikazzjoni ta’ artikli ta’ blog dwar it-temi tal-IĊE bl-għan li titrawwem l-interazzjoni bejn il-membri tal-komunità tal-IĊE, l-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-identifikazzjoni tas-sħab, eċċ.
- Spazju ta’ Tagħlim li joffri materjal ta’ gwida dwar aspetti rilevanti dwar iċ-ċiklu tal-ħajja tal-IĊE, u
- Helpdesk, li joffri mekkaniżmu għall-mistoqsijiet u ta’ appoġġ dirett.
Niġbru u nużaw l-informazzjoni personali tiegħek biex nippermettu l-konnessjoni tiegħek u aktar interazzjoni mal-Pjattaforma u l-Utenti Reġistrati l-oħrajn tagħha, u biex niffaċilitaw il-bini tal-komunità, il-kollaborazzjoni u l-iskambju fost l-Utenti. B’mod partikolari, ismek, u r-ritratt tiegħek jekk ikun hemm, se jidhru meta tinteraġixxi ma’ Utenti oħrajn li se jkunu jistgħu jikkonsultaw l-informazzjoni fil-Profil tiegħek (bl-eċċezzjoni tal-indirizz tal-email tiegħek). Tista’ wkoll tidher fir-riżultati tat-tfittxija magħmula mill-Utenti l-oħrajn abbażi tal-kriterji “pajjiż ta’ residenza” u “qasam ta’ interess”. Kwalunkwe kontenut li tagħżel li tippubblika fuq il-Pjattaforma se jkun viżibbli pubblikament; ismek u kunjomok, kif ukoll ir-ritratt tiegħek (jekk ikun hemm), se jintwerew maġenb kwalunkwe kontenut li tippubblika fuq il-Pjattaforma u b’hekk se jkunu viżibbli għall-pubbliku ġenerali esklużivament jekk tkun għażilt li tagħmel dan għal tali pubblikazzjoni.
Niġbru u nkomplu nipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek bil-mod li ġej:
- Xi data personali tiegħek hi pproċessata permezz ta’ operazzjonijiet awtomatizzati. B’mod partikolari:
- Mal-ewwel konnessjoni tiegħek mal-Pjattaforma, ladarba titlob ir-reġistrazzjoni ta’ Utent Reġistrat tal-Pjattaforma (billi tikklikkja l-qasam rilevanti fil-formola tal-web), ismek, kunjomok u l-indirizz tal-email jiġu importati awtomatikament skont il-Profil tal-Utent mill-applikazzjoni tal-“EU Login” (fejn l-Utenti Reġistrati jeħtieġ li l-ewwel jiġu reġistrati u lloggjati) [2];
- Ladarba tirreġistra, ismek, u r-ritratt tiegħek, jekk ikun hemm, se jiġu ppubblikati maġenb kwalunkwe kontribut li tippubblika fuq il-Pjattaforma jekk tagħti l-kunsens tiegħek biex din id-data personali tintwera mal-kontenut li tippubblika. Inkella, tista’ tagħżel li tippubblika l-kontenut b’mod anonimu;
- Timla, tissejvja u teditja manwalment id-data personali u informazzjoni oħra fil-Profil tal-Utent tiegħek (bl-eċċezzjoni ta’ data importata minn “EU Login”);
- Il-komunikazzjoni tal-indirizz tal-email tiegħek lil Utent Reġistrat ieħor teħtieġ l-awtorizzazzjoni speċifika tiegħek;
- Operazzjonijiet oħrajn li jikkonċernaw id-data tiegħek isiru manwalment (f’forma elettronika) mill-Operatur tal-Pjattaforma. L-operazzjonijiet li ġejjin huma kkonċernati b’mod partikolari:
- L-immaniġġjar tal-protezzjoni tad-data tiegħek relatata mat-talbiet tiegħek (b’mod partikolari t-talbiet għat-tħassir tal-Profil tal-Utent mibgħutin bl-email).
Id-data personali pproċessata tista’ terġa’ tintuża għall-finijiet ta’ proċeduri quddiem il-Qrati tal-UE, il-qrati nazzjonali, l-Ombudsman Ewropew jew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża biex jittieħdu deċiżjonijiet b’mod awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.
3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek
Il-Pjattaforma hi implimentata abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2019/788 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
Jekk inti utent estern, l-ipproċessar tad-data li tintalab tipprovdi bħala waħda obbligatorja hu legali skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725, li jirreferi għal sitwazzjoni fejn “l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni”.
L-ipproċessar ta’ data addizzjonali li tista’ tipprovdi b’mod fakultattiv hu bbażat fuq il-kunsens tiegħek, u għalhekk hu legali skont l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1725, li jirreferi għal sitwazzjoni fejn “is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar”.
Meħuda waħedha, id-data pproċessata tiegħek ma taqax f’waħda mill-kategoriji li għalihom l-ipproċessar hu pprojbit mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (“kategoriji speċjali ta’ data personali”). Madankollu, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Pjattaforma bil-ħsieb li tiġi organizzata inizjattiva speċifika tista’ tiżvela l-opinjonijiet politiċi tiegħek. Is-sensittività tad-data personali tiegħek tista’ għalhekk tirriżulta mis-sensittività politika tal-inizjattiva kkonċernata.
Skont is-suġġett u s-sensittività tal-inizjattiva tiegħek jew it-tema tad-diskussjoni, id-data personali pproċessata tista’ tkun għalhekk ikkunsidrata bħala data li tiżvela opinjonijiet politiċi.
Int tiddeċiedi l-kontenut li tixtieq tippubblika u l-pubblikazzjoni ta’ tali kontenut (inkluż kontenut politikament sensittiv) hija bbażata fuq il-kunsens espliċitu tiegħek f’konformità mal-Artikoli 5(1)(d) u 10(2)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725 mogħti qabel ma tippubblika l-kontenut. Tista’ tagħżel ukoll li tippubblika l-kontenut b’mod anonimu.
Jekk inti Amministratur tal-Pjattaforma (jiġifieri Utent tal-Pjattaforma b’aċċess privileġġjat għas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kontenut tal-Pjattaforma), id-data tiegħek tiġi pproċessata fuq il-bażi kuntrattwali kif imsemmi fl-Artikolu 5(1)(c) (“Operatur tal-Pjattaforma”) u l-Artikolu 5(1)(a) (l-istaff tal-Kummissjoni inkarigat mill-IĊE jew l-għodda tal-IT tal-Pjattaforma) tar-Regolament (UE) 2018/1725.
4. Liema data personali tinġabar u hi soġġetta għal ipproċessar ulterjuri?
Sabiex tikkonnettja mal-Pjattaforma bħala Utent Reġistrat (inklużi l-Amministraturi tal-Pjattaforma) tagħha jeħtieġlek l-ewwel tirreġistra permezz tas-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-“EU Login” tal-Kummissjoni Ewropea.
Id-data pprovduta f’din l-okkażjoni hi soġġetta għall-istqarrija ta’ privatezza tas-Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità u tal-Aċċess tal-Kummissjoni Ewropea (IAMS) [3].
Meta tkun irreġistrat u identifikat permezz tas-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-“EU Login”, mal-ewwel konnessjoni tiegħek mal-Pjattaforma, jinħoloqlok Profil tal-Utent fil-bażi tad-data tal-Pjattaforma, fejn jiġu importati awtomatikament ismek, kunjomok u l-indirizz tal-email tiegħek mill-bażi tad-data mmaniġġjata mill-IAMS.
Imbagħad int se tkun mistieden tipprovdi d-data/l-informazzjoni personali sabiex tikkompleta l-Profil tal-Utent tiegħek (fakultattiva):
- in-nazzjonalità
- il-lingwa ppreferuta
- il-pajjiż tar-residenza
- il-grupp tal-età
- il-ġeneru
- il-qasam ta’ interess
- il-professjoni/ir-rwol
- l-isfond u l-motivazzjoni biex tuża l-Pjattaforma
- ir-ritratt
Il-kontribuzzjonijiet u l-kummenti tiegħek fuq il-Pjattaforma kif ukoll l-iskambji mal-helpdesk jistgħu jinkludu wkoll data personali jew jitqiesu bħala tali. Tista’ tagħżel li tippubblika l-kontenut b’mod anonimu fuq il-Pjattaforma. Qabel ma tippubblika l-kontenut, se tingħata l-għażla li jidhru ismek u r-ritratt (jekk ikun hemm) jew li tibqa’ anonimu.
Fl-ambjent ospitanti tinħażen l-istorja tal-operazzjonijiet imwettqa mill-utenti fuq il-Pjattaforma fil-forma ta’ log files għal finijiet ta’ troubleshooting.
5. Għal kemm żmien inżommu d-data personali tiegħek?
Aħna nżommu d-data personali tiegħek biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-finijiet tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri. Għandhom japplikaw il-limiti ta’ żmien li ġejjin:
(i) Informazzjoni li pprovdejt bħala parti mir-reġistrazzjoni tiegħek mas-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-EU Login
Il-limiti ta’ żmien taż-żamma tad-data fis-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-EU Login huma definiti fl-istqarrija ta’ privatezza tas-Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità tal-Kummissjoni Ewropea [4].
(ii) Data li pprovdejt bħala parti mill-Profil tal-Utent tiegħek (bħala Utent Reġistrat inkluż bħala Amministratur tal-Pjattaforma)
Id-data personali misjuba fil-Profil tal-Utent tiegħek, inklużi l-kontribuzzjonijiet u l-kummenti fuq il-Pjattaforma kif ukoll l-iskambji mal-helpdesk, se tinżamm fis-sit għall-perjodu taż-żmien li int tibqa’ attiv, sakemm int ma tħassarx data mill-Profil tiegħek int stess u sakemm int ma titlobx lill-Amministratur tal-Pjattaforma biex ineħħi l-Profil tal-Utent tiegħek mill-Pjattaforma.
Wara sentejn ta’ inattività kontinwa, il-Profil tal-Utent tiegħek jitħassar awtomatikament mingħajr il-ħtieġa li titressaq talba speċifika biex dan isir.
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-Pjattaforma u l-koerenza tal-kontenut tagħha, wara t-tħassir eventwali tal-Profil tal-Utent, il-kontribuzzjonijiet u l-kummenti tiegħek kif ukoll l-iskambji mal-helpdesk se jinżammu fuq il-Pjattaforma f’verżjoni anonima f’każ ta’ tħassir eventwali tal-Profil tal-Utent tiegħek (fuq talba tiegħek jew awtomatikament wara sentejn li ma tkunx attiv fuq il-Pjattaforma).
Il-log files jinżammu għal 40 jum.
6. Kif nipproteġu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa li jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf tad-data, it-tibdil tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għal persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.
Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, bażijiet ta’ data, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-kuntratturi (u sottokuntratturi) tagħha.
L-operazzjonijiet ta’ pproċessar kollha li jitwettqu bl-użu tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea huma soġġetti għad-Deċiżjoni dwar is-Sigurtà tal-IT tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017. Il-bażi tad-data tal-Pjattaforma hija ospitata b’mod sigur fl-Infrastruttura bħala Servizz ipprovdut minn Amazon Web Services, li qed jopera esklużivament fiċ-ċentru tad-data fl-UE: Amazon Web Services EMEA SARL, 38 avenue John F. Kennedy, L-1855, LUXEMBOURG.
Il-bażi tad-data tal-Pjattaforma hija ospitata b’mod sigur fuq is-servers ta’ kuntrattur tal-Kummissjoni Ewropea, jiġifieri Amazon Web Service. Il-kuntrattur jinstalla patches u aġġornamenti regolari biex is-servers jibqgħu protetti kontra intrużjoni u aċċess malizzjuż.
Il-proċessuri (kuntratturi) tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawsola kuntrattwali speċifika għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni. Il-proċessuri jridu jdaħħlu fis-seħħ miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jiżguraw il-livell ta’ sigurtà meħtieġ mill-Kummissjoni.
7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-Kummissjoni u lill-membri tal-istaff tal-Operatur tal-Pjattaforma li jwettqu din l-operazzjoni ta’ pproċessar. L-aċċess hu limitat abbażi tal-prinċipju ta’ “ħtieġa ta’ tagħrif” u l-membri tal-istaff ikkonċernati jirrispettaw il-ftehimiet statutorji (fil-każ tal-Kummissjoni), u ftehimiet ta’ kunfidenzjalità kuntrattwali (proċessur).
Tista’ tagħżel li tippubblika kontenut fuq il-Pjattaforma b’mod anonimu. Jekk ma tagħżilx l-opzjoni anonima, ismek u kunjomok, kif ukoll ir-ritratt tiegħek jekk ikun hemm, se jintwerew maġenb kwalunkwe kontenut li tippubblika fuq il-Pjattaforma u b’hekk se jkunu viżibbli pubblikament.
Il-kontenut sħiħ tal-Profil tal-Utent tiegħek inkluż l-indirizz tal-email tiegħek se jkun viżibbli għall-Amministraturi tal-Pjattaforma. F’każ li jkun hemm kwistjoni li teħtieġ appoġġ relatat mal-IT, id-dettalji tal-profil tal-Utent tiegħek, inklużi log files tal-pjattaformi, jistgħu jiġu kondiviżi mal-istaff tal-Kummissjoni tad-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi Diġitali (DĠ DIGIT), filwaqt li jipprovdu servizzi relatati mal-appoġġ, abbażi tal-prinċipju tal-“ħtieġa ta’ tagħrif”.
L-indirizz tal-email tiegħek bħala parti mill-Profil tal-Utent tiegħek se jkun biss ikkomunikat lill-Utenti Reġistrati individwali l-oħrajn, jekk int b’mod espliċitu taqbel li tikkomunika din id-data permezz tal-funzjonalità ddedikata tal-Pjattaforma:
- Jekk Utenti Reġistrati oħra jixtiequ jikkuntattjawk individwalment huma jistgħu jimlew formola ta’ kuntatt ipprovduta fuq il-Pjattaforma billi jipprovdu isimhom u l-kontenut tal-messaġġ li għandu jintbagħat. Imbagħad tirċievi l-messaġġ mingħand dan l-Utent fl-indirizz tal-email użat mill-kont tal-EU Login tiegħek. L-indirizz tal-email tal-Utent li kkuntattjak se jidher jekk twieġeb il-messaġġ. Meta tibgħat tweġiba se tipprovdi lill-Utent l-ieħor bl-indirizz tal-email tiegħek.
- Bil-maqlub, f’każ li tixtieq tikkuntattja individwalment Utent tal-Pjattaforma ieħor se jkollok tuża l-istess funzjonalità tal-Pjattaforma u b’hekk tipprovdi lill-Utent ikkonċernat bl-indirizz tal-email tiegħek.
Barra minn hekk, l-Operatur tal-Pjattaforma li jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni jista’ juża l-funzjonalità “Connect” tal-Forum tal-IĊE biex jibgħat emails lill-Utenti Reġistrati kollha biex jinnotifikahom dwar aġġornamenti fil-Pjattaforma jew attivitajiet importanti speċifiċi li huma strettament relatati mal-Forum tal-IĊE. Il-fini ta’ dawn l-emails hu li nippermettu lill-utenti jtejbu l-konnessjoni u l-interazzjoni mal-Pjattaforma u l-Utenti Reġistrati l-oħrajn tagħha, u biex niffaċilitaw il-bini tal-komunità, il-kollaborazzjoni u l-iskambju fost l-Utenti Reġistrati.
L-informazzjoni miġbura minna ma tingħata lil ebda parti terza, għajr sa fejn u għall-finijiet li nkunu marbuta bihom bil-liġi.
8. X’inhuma drittijietek u kif tista’ teżerċitahom?
Għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek u li tirranġaha f’każ li d-data personali tiegħek ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta. Għandek id-dritt li titlob it-tħassir tad-data personali tiegħek, li tirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali tiegħek u li toġġezzjona għall-ipproċessar.
L-ipproċessar tad-data personali fakultattiva li inti pprovdejt fil-Profil tal-Utent tiegħek hu bbażat fuq il-kunsens tiegħek. Il-pubblikazzjoni ta’ ismek u r-ritratt (jekk ikun hemm) maġenb il-kontenut li tippubblika fuq il-Pjattaforma hija bbażata wkoll fuq il-kunsens tiegħek. Tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe ħin billi tħassar l-informazzjoni rispettiva fil-Profil tal-Utent tiegħek jew billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma tkun irtirajt il-kunsens.
Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data jew/u lill-Proċessur tad-Data (Operatur tal-Pjattaforma), jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u, jekk ikun neċessarju, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, billi tuża l-informazzjoni ta’ kuntatt mogħtija fl-Intestatura 9 hawn taħt.
Fir-rigward tal-informazzjoni li pprovdejt bħala parti mir-reġistrazzjoni tiegħek mas-Servizz ta’ Awtentikazzjoni tal-EU Login, jekk jogħġbok ikkonsulta l-istqarrija ta’ privatezza speċifika tas-Servizz tal-Immaniġġjar tal-Identità tal-Kummissjoni Ewropea [5].
Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-Rekord tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 9 hawn taħt) fit-talba tiegħek.
Kull talba għal aċċess għal data personali tiġi ttrattata fi żmien xahar minn meta tasal it-talba. Kwalunkwe talba oħra msemmija hawn fuq se tiġi indirizzata fi żmien 15-il jum tax-xogħol.
Tista’ wkoll teżerċita direttament id-drittijiet tiegħek fir-rigward tal-informazzjoni li pprovdejt bħala parti mill-Profil tal-Utent Reġistrat tiegħek: tista’ tiċċekkja, timmodifika, taġġorna u tħassar l-informazzjoni fil-Profil tal-Utent tiegħek online int stess b’mod dirett (bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni importata mis-Servizz tal-Awtentikazzjoni tal-EU Login).
9. Informazzjoni ta’ kuntatt
Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattja:
- Il-Kontrollur tad-Data operazzjonali:
European Commission
Secretariat General
Directorate A 'Strategy, Better Regulation & Corporate Governance'
Unit A.1 'Policy Priorities & Work Programme '
B - 1049 Brussels, Belgium
Tel. +32 2 29 92165
Fax. +32 2 29 66655
Email: SG-ICE-mailing@ec.europa.eu
- Il-Proċessur tad-Data (Operatur tal-Pjattaforma tal-IĊE):
EUROPEAN CITIZEN ACTION SERVICE
BeCentral 12 Cantersteen
B-1000 Brussels, Belgium
Email: ECIforum@ecas.org
- L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni
Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.
- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)
Għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri, tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li drittijietek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.
10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar dettaljata?
L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni, li jkunu ġew dokumentati u nnotifikati lill-UPD. Tista’ taċċessa r-reġistru bil-link li ġejja: https://ec.europa.eu/dpo-register.
Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-rekord li ġejja: DPR-EC-00828.
Tista’ ssib informazzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-ECI fuq: https://citizens-initiative.europa.eu/how-it-works/data-protection
[1] Għal aktar informazzjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, ara https://citizens-initiative.europa.eu
[2] Ara DPR-EC-03187 EU login f’http://ec.europa.eu/dpo-register u l-Istqarrija ta’ Privatezza speċifika korrispondenti. Jekk jogħġbok ikkonsulta din l-istqarrija ta’ privatezza speċifika għall-informazzjoni rilevanti li tikkorrispondi mal-punti 4-9 tal-istqarrija ta’ privatezza preżenti.
[3] Ara DPR-EC-03187 EU login f’http://ec.europa.eu/dpo-register u l-Istqarrija ta’ Privatezza speċifika korrispondenti.
[4] https://intragate.ec.europa.eu/cas/privacyStatement.html
[5] https://intragate.ec.europa.eu/cas/privacyStatement.html