Mur għall-kontenut ewlieni
Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni fl-Unjoni Ewropea

Logo of the ‘Ban on Conversion Practices’ initiative. On a blue background, the 12 starts of the EU Flag are displayed in the different colours of the rainbow.

Dwar il-“Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni”

Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni (isem sħiħ: “Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni fl-Unjoni Ewropea”) kienet it-tlettax-il Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) biex jinġabru b’suċċess aktar minn miljun firma valida. L-inizjattiva, li ġiet irreġistrata fl-24 ta’ Jannar 2024, nediet uffiċjalment il-ġbir tal-firem fis-17 ta’ Mejju 2024, li huwa l-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija.

Il-prattiki ta’ konverżjoni huma interventi mmirati lejn it-tibdil, ir-repressjoni jew it-trażżin tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni tal-ġeneru tal-persuni LGBTQ+. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-organizzaturi appellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi projbizzjoni legali vinkolanti fuq il-prattiki ta’ konverżjoni mmirati lejn persuni LGBTQ+ madwar l-Unjoni Ewropea. Fl-2020, Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti kkwalifika l-prattiki ta’ konverżjoni bħala forma ta’ tortura, u għadd dejjem akbar ta’ pajjiżi Ewropej minn dak iż-żmien ’l hawn introduċew projbizzjonijiet legali. Fiż-żmien meta l-inizjattiva laħqet l-għan tagħha, tmien Stati Membri tal-UE kienu diġà pprojbew dawn il-prattiki.

Wara t-tlestija b’suċċess tal-kampanja tal-ġbir tal-firem, u l-verifika tal-firem, l-inizjattiva ġiet ippreżentata formalment lill-Kummissjoni Ewropea fis-17 ta’ Novembru 2025, flimkien ma’ ċertifikati li jikkonfermaw il-validità ta’ 1,128,063 firma. Bħala parti mill-proċess ta’ tweġiba tal-IĊE, l-organizzaturi ltaqgħu mal-Kummissarju għall-Preparatezza, il-Ġestjoni tal-Kriżijiet u l-Ugwaljanza, Hadja Lahbib, fit-12 ta’ Diċembru 2025 u ppreżentaw il-proposta tagħhom fi smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew fit-2 ta’ Marzu 2026.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat it-tweġiba uffiċjali tagħha fit-13 ta’ Mejju 2026 permezz ta’ Komunikazzjoni (ara l-istqarrija għall-istampa). Fl-istess jum, il-Kummissarju Lahbib iltaqgħet mal-organizzaturi u ħarġet dikjarazzjoni pubblika (ara l-filmat).

 Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni eżaminat il-perkorsi legali disponibbli u impenjat ruħha li tadotta Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu l-prattiki ta’ konverżjoni. Il-Kummissjoni affermat mill-ġdid ukoll li kull membru tal-komunità LGBTIQ+ għandu jkun jista’ jkun min hu u jgħix ħajtu bi kburija, ħieles mill-vjolenza, mid-diskriminazzjoni u mill-biża’.

L-inizjattiva “Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni” uriet li grupp determinat ta’ organizzaturi fil-livell lokali jista’ jimmobilizza b’suċċess liċ-ċittadini madwar l-Ewropa, iqiegħed kwistjonijiet importanti fuq l-aġenda tal-UE, u jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tfassil tal-politika tal-UE.

  1. Reġistrazzjoni tal-inizjattiva 

    24/01/2024

  2. Data tal-bidu tal-ġbir

    17/05/2024

  3. Għeluq tal-ġbir 

    17/05/2025

  4. Verifika

    16/06/2025

  5. Sottomissjoni tal-inizjattiva

    17/11/2025

  6. Inizjattiva mwieġba

    13/05/2026

X’għen lil din l-inizjattiva tirnexxi fil-ġbir tal-firem?

Tiġġieled għal dak li temmen fih

Id-determinazzjoni tal-organizzaturi kienet ċentrali għas-suċċess tal-kampanja.

Toħloq sens ta’ komunità

Il-bini ta’ sħubijiet b’saħħithom għamel differenza sinifikanti.

Tagħmel l-aħjar użu mill-midja soċjali 

Preżenza online b’saħħitha kellha rwol ewlieni fil-kampanja.
 

L-istrateġija wara l-inizjattiva

Preparazzjoni

L-idea għall-inizjattiva “Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni” oriġinat minn Mattéo Garguilo, l-organizzatur ewlieni, meta kien għadu student tal-iskola postsekondarja, tlieta sa erba’ snin qabel ma tnediet l-inizjattiva. Madwar l-2020, il-kwistjoni tal-prattiki ta’ konverżjoni kisbet attenzjoni pubblika sinifikanti fi Franza, minn fejn ġej Mattéo. Il-prattiki ta’ konverżjoni (imsejħa wkoll terapiji ta’ konverżjoni) huma interventi mmirati biex ibiddlu jew irażżnu l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tal-persuni LGBTQI+. Mattéo ntlaqat mill-fatt li dawn il-prattiki baqgħu legali f’ħafna pajjiżi Ewropej, bi tmienja biss mis-27 pajjiż tal-UE jintroduċu projbizzjoni legali.

Fl-istess ħin, Mattéo kien żviluppa interess qawwi fid-demokrazija parteċipattiva u l-involviment taċ-ċittadini, inklużi strumenti bħall-Inizjattiva ta’ Referendum Kondiviż fi Franza. Huwa rrikonoxxa l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala l-għodda t-tajba biex din il-kwistjoni titressaq fil-livell Ewropew.

Biex iniedi l-inizjattiva, Mattéo waqqaf l-ACT, l-Assoċjazzjoni Ewropea Kontra t-Terapija tal-Konverżjoni, flimkien ma’ żewġt iħbieb, fl-età ta’ 21 sena waqt li kien qed jistudja fl-Istitut tal-Istudji Politiċi (I.E.P.) ta’ Lyon.

Biex jibnu l-appoġġ għall-kampanja, Mattéo u l-kopresidenti l-oħra tal-ACT ikkuntattjaw lil organizzazzjonijiet tal-LGBTQI+ u lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem madwar l-Ewropa. Huma bagħtu aktar minn 500 email lill-organizzazzjonijiet biex ifittxu sħab li jixtiequ jagħmlu kampanja magħhom. Bħala organizzazzjoni li għadha kif ġiet stabbilita, inizjalment sabuha diffiċli biex jiksbu l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet akbar. Madankollu, permezz tal-persistenza, irnexxielhom ilaqqgħu flimkien 12-il assoċjazzjoni li jiddefendu d-drittijiet tal-LGBTQI+ minn 12-il Stat Membru differenti tal-UE biex iniedu l-inizjattiva b’mod konġunt.

Ġbir ta’ fondi u riżorsi

L-organizzaturi ma rċevew l-ebda appoġġ finanzjarju għall-inizjattiva. Għalkemm ikkunsidraw li jfittxu donazzjonijiet, fl-aħħar mill-aħħar iddeċidew li ma jnedux kampanja ta’ ġbir ta’ fondi. Bħala tim żgħir b’ħin u kapaċità limitati, huma kkonkludew li l-ħidma amministrattiva involuta (bħat-tlestija tax-xogħol amministrattiv, il-kuntatt ma’ donaturi potenzjali u l-ġestjoni tar-rekwiżiti ta’ finanzjament) kienet se tiddevja riżorsi siewja mill-objettiv ewlieni tagħhom.

Minflok, l-organizzaturi għażlu li jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-mobilizzazzjoni tas-sostenituri u l-ġbir tal-firem, filwaqt li pprijoritizzaw il-kampanja nnifisha fuq il-ġbir ta’ fondi.

Strateġija tal-kampanja 

Il-kampanja “Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni” ħadet xejra mhux mistennija matul il-perjodu tal-ġbir tal-firem. Għalkemm il-perjodu ta’ ġbir fetaħ f’Mejju 2024, sa April 2025 l-inizjattiva kienet ġabret biss madwar 234,000 firma. Meta kien għad fadal biss xahar, l-organizzaturi kien għad jonqoshom jiġbru aktar minn 770,000 firma biex jilħqu l-limitu meħtieġ.

“Din hija l-aktar parti iebsa: li żżomm lin-nies attivi. Batejna ħafna minn dan. Ħafna NGOs waqfu jappoġġaw il-kampanja meta ma baqgħux deħlin il-firem. Huwa diffiċli li żżomm kampanja għaddejja għal sena sħiħa.” – Mattéo Garguilo

L-organizzaturi rrikonoxxew li l-prattiki ta’ konverżjoni kienu għadhom kwistjoni relattivament ftit magħrufa meta mqabbla ma’ kampanji oħra tad-drittijiet fundamentali, bħal dawk dwar id-drittijiet għall-abort, u dan jagħmilha inqas probabbli li ċ-ċittadini jappoġġaw l-inizjattiva. Din l-isfida kienet partikolarment evidenti f’pajjiżi fejn id-drittijiet tal-persuni LGBTQI+ għadhom inqas stabbiliti, u dan jagħmilha aktar diffiċli li jiġu attirati organizzazzjonijiet sħab u li tiġi ġġenerata l-attenzjoni pubblika.

Barra minn hekk, il-kampanja kienet tiddependi kompletament fuq tim ta’ studenti voluntiera. Għalihom, it-tmexxija tal-IĊE kienet att ta’ attiviżmu mwettaq flimkien mal-istudji tagħhom. Il-media soċjali, b’mod partikolari Instagram, saret il-mezz primarju ta’ komunikazzjoni u mobilizzazzjoni tal-kampanja.

Għaxart ijiem qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ġbir, l-organizzaturi nedew sforz finali wieħed li ttrasforma l-kampanja. Huma bdew jikkuntattjaw kemm jista’ jkun influwenzaturi, artisti u politiċi, u talbuhom japprovaw pubblikament l-inizjattiva u jħeġġu lis-segwaċi tagħhom jiffirmawha.

Waħda mill-ewwel personalitajiet pubbliċi li wieġbu kienet il-kantanta Belġjana Angèle, li appellat lis-segwaċi tagħha ta’ Instagram biex jappoġġaw l-inizjattiva. Il-messaġġ tagħha kien sempliċi u interessanti: hija wiegħdet li tagħti bewsa lill-kelb famuż tagħha għal kull fan li jiffirma l-IĊE.

Screenshot of the instagram post of the page “le coin des lgbt” which states that the Belgian signer Angèle is supporting the initiative.
Source: Instagram page of “Le coin des lgbt”

Wara l-appoġġ pubbliku minn Angèle u l-kantant Franċiż Hoshi, ħafna artisti oħra ngħaqdu mal-kampanja. Fi żmien ftit jiem biss, l-inizjattiva kisbet madwar 500,000 firma addizzjonali.

Kien hemm momentum simili fl-isfera politika. Permezz ta’ kuntatti stabbiliti minn organizzazzjoni femminista, il-partit tax-xellug Franċiż sar l-ewwel partit politiku li appoġġa l-inizjattiva pubblikament, segwit mill-Partit Soċjalista u l-Ħodor. Fl-aħħar jum tal-kampanja, il-President Franċiż Emmanuel Macron ippubblika messaġġ li jappoġġa l-inizjattiva fuq il-media soċjali. Madwar 30 minuta wara, il-Prim Ministru Sloven Robert Golob ħeġġeġ ukoll pubblikament liċ-ċittadini biex jiffirmaw.

Screenshot of the X post of Emmanuel Macron supporting the initiative.
Source: X page of Emmanuel Macron

L-organizzaturi fittxew ukoll appoġġ mit-tim wara l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess My Voice, My Choice. L-organizzaturi Sloveni qablu li jgħinu billi jattivaw in-network li kienu bnew matul il-kampanja tagħhom, li ftit żmien qabel kienet ġabret kważi 1.2 miljun firma.

Screenshot of the Instagram post of the page “My voice my choice” featuring a statement of Nina Kovac, organiser of the initiative, in support of ‘Ban on conversion practices'
Source: Instagram page of the ‘My Voice My Choice’ initiative

Din il-kollaborazzjoni rriżulta li kienet imprezzabbli. Hija għenet biex il-kampanja tilħaq lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Ġermanja, filwaqt li fil-Kroazja l-inizjattiva rnexxielha tilħaq il-limitu minimu nazzjonali f’jum wieħed.

“Ladarba rnexxejna f’pajjiż wieħed, morna f’pajjiż ieħor, u bgħatna lis-segwaċi biex jilħqu lin-nies, kemm jekk influwenzaturi LGBT, kantanti LGBT, jew nisa minħabba li, b’mod ġenerali, in-nisa huma ta’ appoġġ kbir għad-drittijiet LGBT.” – Mattéo Garguilo

L-organizzaturi fehmu wkoll il-qawwa tal-urġenza. Hekk kif it-tmiem taż-żmien disponibbli biex jintlaħqu l-miljun firma beda joqrob sew, aktar nies ħassewhom motivati li jipparteċipaw. Flimkien ma’ attenzjoni pubblika dejjem akbar għad-drittijiet tal-LGBTQI+, dan is-sens ta’ urġenza ħoloq il-momentum meħtieġ biex il-kampanja tirnexxi.

Franza saret il-bażi ta’ appoġġ l-aktar b’saħħitha tal-kampanja. Aktar minn nofs il-firem kollha ġew mill-pajjiż, grazzi fil-biċċa l-kbira għall-kont Instagram @lecoindeslgbt, li kellu rwol ewlieni fit-tixrid tal-messaġġ tal-inizjattiva. Il-kont kien appoġġat mill-kollettiv femminista Franċiż NousToutes, li għen ukoll biex jiġu mobilizzati s-sostenituri u ffaċilita l-kuntatti politiċi.

“Għenuna ħafna, u għalhekk għamilna sforz kbir fi Franza, u kellna xi kuntatti fil-politika.” – Mattéo Garguilo

L-istrateġija ħadmet. Madwar l-4 p.m. fil-jum ta’ qabel ma ntemm il-perjodu tal-ġbir, l-inizjattiva qabżet l-istadju importanti ta’ miljun firma. Sa meta l-kampanja għalqet uffiċjalment, kienet ġabret aktar minn 1.2 miljun firma.

Il-proċess tal-ġbir u l-verifika tal-firem

L-inizjattiva “Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni” fetħet uffiċjalment il-perjodu tal-ġbir tal-firem tagħha fis-17 ta’ Mejju 2024, il-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, u għalqet il-kampanja sena wara fl-istess data.

Il-biċċa l-kbira tal-firem tal-inizjattiva nġabru matul l-aħħar ġimgħa tal-kampanja, u dan juri kif il-momentum jista’ jinbena malajr fl-istadji tal-għeluq ta’ IĊE.

Wara tmiem il-perjodu tal-ġbir, l-inizjattiva ġiet ippreżentata formalment biex tiġi eżaminata mill-Istati Membri fis-16 ta’ Ġunju 2025. Wara li ġie konkluż il-proċess ta’ verifika, ġew ikkonfermati bħala validi 1,128,063 dikjarazzjoni ta’ appoġġ.

L-għadd ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ miġbura minn “Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni” għal kull Stat Membru

Map of the EU countries with the corresponding number of signatures gathered. The threshold had been reached in 10 member States: Spain, France, Italy, Belgium, the Netherlands, Germany, Ireland, Sweden, Finland and Slovenia.

Nota: “Projbizzjoni tal-prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea” laħqet il-limiti minimi f’għaxar Stati Membri. Sors: Is-sit web tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, 2026. It-tabella sħiħa bid-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ hija disponibbli fuq il-paġna web iddedikata tas-sit web tal-IĊE.

Matul il-kampanja, l-organizzaturi ffukaw l-isforzi tagħhom fuq pajjiżi li tradizzjonalment laħqu l-limitu nazzjonali għall-IĊE, bħal Franza u Spanja, filwaqt li mmiraw ukoll lejn Stati Membri iżgħar fejn l-appoġġ pubbliku għall-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ konverżjoni tqies partikolarment b’saħħtu, inklużi s-Slovenja u l-Irlanda.

Wara li laħqu l-istadju importanti ta’ miljun firma, l-organizzaturi komplew il-kampanji tagħhom minflok ma waqfu immedjatament. L-għan tagħhom kien li jibnu marġni ta’ sikurezza suffiċjenti biex jagħmlu tajjeb għall-firem li jistgħu jiġu ddikjarati invalidi matul il-proċess ta’ verifika. Sa tmiem il-kampanja, huma kienu ġabru aktar minn 1.2 miljun dikjarazzjoni ta’ appoġġ, fit-tentattiv li jiżguraw li jibqgħu aktar minn miljun firma valida wara l-verifika.

L-impatt ta’ din l-inizjattiva

Wara s-sottomissjoni formali tal-inizjattiva, l-organizzaturi ltaqgħu mal-Kummissarju Hadja Lahbib, il-Kummissarju għall-Preparatezza, għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet u għall-Ugwaljanza, fit-12 ta’ Diċembru 2025.

The organisers of the initiative with Commissioner Hadja Lahbib during the meeting at the European Commission.
Organisers meet with the Commissioner Hadja Lahbib, Commissioner for Preparedness, Crisis Management and Equality. © European Union , 2025
Organisers of the initiative speaking at the meeting with the Commission.
Organisers at the meeting with the European Commission. © European Union, 2025

Smigħ pubbliku tal-Parlament Ewropew

L-inizjattiva ġiet ippreżentata waqt smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew fit-2 ta’ Marzu 2026. Is-smigħ ġie organizzat mill-Kumitat LIBE bl-involviment tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (PETI) u l-parteċipazzjoni tal-Kumitat għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Drittijiet tan-Nisa (FEMM). Matul is-smigħ tal-Parlament, l-organizzaturi semmew li huma konxji sew mid-diffikultajiet involuti biex tiġi proposta leġiżlazzjoni u rreferew għall-ħruġ ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bħala miżura li tista’ tipproduċi effetti malajr.

Organisers of the initiative speaking at the public hearing at the European Parliament.
Organisers at the public hearing at the European Parliament. © European Union, 2026

Is-suġġett kompla jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew. Fil-25 ta’ Marzu 2026, il-Parlament Ewropew kellu dibattitu dwar din l-inizjattiva fis-sessjoni plenarja tiegħu (ara r-reġistrazzjoni hawnhekk). Barra minn hekk, madwar xahar wara, fid-29 ta’ April 2026, il-Kumitat LIBE adotta r-rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fl-2024-2025. F’dan ir-rapport, il-Kumitat qies ir-riżultati milħuqa mill-inizjattiva billi ddikjara, fil-punt 57, li “n-nuqqas ta’ proċeduri legali ta’ rikonoxximent tal-ġeneru jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali; jikkundanna l-prattiki ta’ konverżjoni, bħal prattiki mmirati lejn it-tibdil, ir-repressjoni jew it-trażżin tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, u/jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ persuna, bħala ksur tad-drittijiet fundamentali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizzahom permezz ta’ azzjonijiet konkreti; iħeġġeġ ukoll, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal att legali li jistabbilixxi projbizzjoni tal-UE fuq il-prattiki ta’ konverżjoni fl-Istati Membri kollha bħala azzjoni ta’ segwitu għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea”;

Reazzjoni formali tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea kienet diġà qieset u semmiet il-“Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni” fl-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ 2026-2030, adottata fit-8 ta’ Ottubru 2025. Il-Kummissjoni ħabbret li “se tippromwovi wkoll djalogu strutturat dwar is-suġġett, b’mod partikolari permezz tal-grupp ta’ esperti dwar l-ugwaljanza tal-LGBTIQ+, taħt il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u d-diversità. Abbażi tas-sejbiet tal-istudju, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni xierqa biex tiġġieled kontra l-prattiki ta’ konverżjoni, b’enfasi partikolari fuq l-appoġġ lill-Istati Membri, li għandhom rwol kritiku f’dan il-qasam. […] Fl-iżvilupp tal-approċċ tagħha għall-ġlieda kontra l-prattiki ta’ konverżjoni, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, se tqis l-inizjattiva riċenti taċ-ċittadini Ewropej, “Projbizzjoni tal-prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea”.

Wara dan, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-rispons formali tagħha għall-IĊE fit-13 ta’ Mejju 2026 permezz ta’ Komunikazzjoni (ara l-istqarrija għall-istampa). 

L-inizjattiva talbet lill-Kummissjoni tipproponi att leġiżlattiv vinkolanti li jipprojbixxi l-prattiki ta’ konverżjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Fil-valutazzjoni tagħha, madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li tali leġiżlazzjoni l-ewwel tkun teħtieġ l-istabbiliment ta’ bażi legali ġdida permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill li testendi l-lista ta’ reati tal-UE (“ewroreati”), segwita mill-adozzjoni ta’ direttiva bbażata fuq dik il-bażi legali. Il-Kummissjoni qieset li l-bidu ta’ proċess bħal dan ma jkunx l-aktar mod effettiv biex jiġu miġġielda l-prattiki ta’ konverżjoni.

Għalhekk, il-Kummissjoni ħabbret li se tadotta, fl-2027, Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri jipprojbixxu l-prattiki ta’ konverżjoni. Ir-Rakkomandazzjoni se tibni fuq il-prattiki tajbin żviluppati fl-Istati Membri li diġà introduċew projbizzjonijiet legali u se titħejja permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni komprensiv, inkluż mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ+ u l-Forum ta’ Politika LGBTIQ+ il-ġdid. Il-ħidma se tibni wkoll fuq l-istudju fil-fond li għaddej dwar il-prattiki ta’ konverżjoni, bir-riżultati mistennija fil-bidu tal-2027.

Il-Kummissarju Lahbib iltaqgħet mal-organizzaturi tal-inizjattiva fil-jum tal-adozzjoni tat-tweġiba tal-Kummissjoni, it-13 ta’ Mejju 2026, biex tispjegalhom il-kontenut tagħha. Wara l-laqgħa, il-Kummissarju Lahbib għamlet stqarrija għall-istampa li fiha qalet: 

“Lil kull persuna LGBTIQ+ li sofriet taħt dawn il-prattiki: ma kien hemm xejn ħażin fik. Qatt ma kellek bżonn li titfejjaq. Int perfett eżattament kif int. U l-Unjoni Ewropea hija miegħek.”

Impatt leġiżlattiv u segwitu

L-organizzaturi esprimew sentimenti mħallta dwar ir-rispons tal-Kummissjoni. Filwaqt li laqgħu l-kundanna ċara tal-Kummissjoni tal-prattiki ta’ konverżjoni u l-impenn tagħha li tħeġġeġ lill-Istati Membri jipprojbuhom, huma ddispjaċihom li l-Kummissjoni għażlet li ma tipproponix att leġiżlattiv vinkolanti fil-livell tal-UE.

Madankollu, l-organizzaturi u n-network tagħhom impenjaw ruħhom li jkomplu l-promozzjoni tagħhom ta’ din il-kwistjoni u suġġetti relatati, inkluż billi jappoġġaw Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej oħra li għadhom miftuħa għall-ġbir tal-firem.

Pariri u suġġerimenti għal organizzaturi futuri

Iddependu fuq in-networks

ACT, l-organizzazzjoni wara l-inizjattiva, kienet tikkonsisti f’żewġ organizzaturi ewlenin biss. Madankollu, in-network wiesa’ li bnew madwar l-Ewropa rriżulta bħala wieħed mill-akbar punti ta’ saħħa tal-kampanja. Il-ħidma mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-voluntiera, l-influwenzaturi u l-inizjattivi msieħba ppermettiet li l-kampanja tilħaq ferm lil hinn minn dak li tim żgħir bħal dan seta’ jikseb waħdu.

Użaw il-media soċjali għall-vantaġġ tagħkom

Il-ħolqien tal-momentum kien essenzjali għas-suċċess tal-kampanja. L-organizzaturi jirrakkomandaw li jinbena sens ta’ urġenza, speċjalment fl-istadji finali tal-kampanja, u li ssir ħidma mal-influwenzaturi u l-ħallieqa tal-kontenut f’pajjiżi differenti. Ladarba kampanja tikseb viżibbiltà u involviment online, il-media soċjali tista’ tamplifika b’mod sinifikanti l-firxa tagħha u tgħin biex tattira sostenituri ġodda.

Żviluppaw strateġija tal-kampanja bbażata fuq il-pajjiżi

Minflok ma ppruvaw jagħmlu kampanja kullimkien f’daqqa, l-organizzaturi ffukaw l-ewwel fuq l-Istati Membri fejn kienu jemmnu li kellhom l-aħjar ċans li jilħqu l-limitu minimu nazzjonali. Ladarba l-momentum ġie stabbilit f’pajjiż wieħed, huma tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq dak li jmiss, u ħeġġew lis-sostenituri jikkuntattjaw lil influwenzaturi lokali, artisti, personalitajiet pubbliċi u organizzazzjonijiet li jistgħu jgħinu fit-tixrid tal-messaġġ. 

Kunu ppreparati u qatt taqtgħu qalbkom

Tim impenjat li ġenwinament jemmen fil-kawża huwa essenzjali. Il-kampanja tal-IĊE teħtieġ determinazzjoni u reżiljenza, peress li l-ġbir tal-firem jista’ jieħu żvolti mhux mistennija, u l-momentum jista’ jitfaċċa fi kwalunkwe mument.

Informazzjoni addizzjonali

Informazzjoni addizzjonali dwar “Projbizzjoni tal-Prattiki ta’ Konverżjoni” hija disponibbli fuq il-paġna ddedikata fis-sit web tal-IĊE u fuq il-paġna tal-Instagram tal-inizjattiva.